News From Gozochannel
Press Release - Stqarrija għall-Istampa 08/01/2009


Biex tfakkar it-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Gozo Channel se tkun qed toffri passaġġi mingħajr ħlas għall-passiġġieri bejn Malta u Għawdex nhar il-Ħadd, 11 ta’ Jannar 2009. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, u responsabbli mill-Gozo Channel, Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta d-dettalja tal-attivitajiet li se jkunu qed ifakkru dan il-jum.

Fl-istess okkażjoni, il-Ministru Tonio Fenech ħabbar li tul l-2008 kien hemm żieda ta’ 3.9% fil-passiġġieri u ta’ 5.0% fil-vetturi li qasmu bejn il-gżejjer meta mqabbla mal-2007. Filfatt, filwaqt li fl-2007 qasmu 3,795,121 passiġġier u 1,013,180 vettura, fl-2008 qasmu rekord ta’ 3,941,736 passiġġier u 1,064,207 vettura.

Barra mill-opportunità li wieħed jaqsam bejn il-gżejjer mingħajr ħlas (il-vetturi jħallsu n-noll normali) se jkun hemm ukoll divertiment live, mill-10 ta’ filgħodu sal-5 ta’ wara nofsinhar, fuq l-istess vapuri fejn fost l-oħrajn se jkun hemm il-kantanti Chiara u OzzyLino kif ukoll maġija interattiva u animazzjoni għat-tfal. Se jkunu organizzati wkoll tours qosra madwar il-vapur li se jkun ittrakkat fl-Imġarr minn persunal tal-istess kumpanija.

Il-Ministru Tonio Fenech spjega li kien xieraq li jiġi mfakkar dan l-anniversarju ta’ kumpanija li sa mit-twaqqif tagħha kompliet tikber u toħroġ b’ideat innovattivi biex tespandi n-negozju tagħha u żżid in-numru ta’ turisti, lokali u barranin, li jaqsmu lejn Għawdex. L-akbar investiment fil-fatt kien sar fl-1995 meta l-kumpanija ddecidiet li kien wasal iz-zmien li tibdel il-vapuri taghha bi flotta moderna li tkun tiflaħ ghad-domanda tas-suq modern. Il-kumpanija varat 3 vapuri ġodda, l-M.V. Ta’ Pinu, l-M.V. Gaudos u l-M.V. Malita, li nbnew kollha f’Malta.

Dawn il-vapuri joperaw skeda bieżla li tibda mis-sigħat bikrin ta’ filgħodu u tintemm tard bil-lejl. Minhabba d-domanda dejjem tizdied ghas-servizzi ta’ bil-lejl, fis-sajf, il-Gozo Channel qed topera servizz li jinkludi vjaggi tard bil-lejl u matul is-sieghat bikrin ta’ filghodu biex b’hekk tkun qed taghti servizz ta 24 kuljum. Dan is-servizz qed jinghata wkoll matul ix-xhur tax-xitwa.

Tonio Fenech spjega wkoll li f’din l-okkażjoni se tintalab donazzjoni mill-passiġġieri biex il-Gozo Channel tkun tista’ tiżra’ siġar b’kommemorazzjoni ta’ din l-okkażjoni.

Dan juri li l-kumpanija Gozo Channel hija waħda proattiva li kienet kapaċi tagħraf il-bżonnijiet tas-suq biex sena wara l-oħra kompliet tikseb riżultati pożittivi għaliha filwaqt li ttejjeb il-kumdità u l-kwalità għall-benefiċċju tal-passiġġieri Maltin, Għawdxin kif ukoll barranin.
- Back To The News Archive